About Us

Our Work

Members

Newsroom

Events

People

Stay In Touch

Bucharest / 16 March 2019

Manifest Reġjonali u Lokali tal-PPE fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019

  1. Irridu Unjoni Ewropea flimkien mal-poplu u għall-poplu
    Irridu Unjoni Ewropea flimkien mal-poplu u għall-poplu li tibda fl-irħula, il-bliet u r-reġjuni tagħna. Għandna bżonn ta’ Unjoni Ewropea b’għeruq profondi fit-territorji, imsejsa fuq valuri demokratiċi. Neħtieġu Unjoni Ewropea li tissodisfa l-aspettattivi tan-nies. Irridu Unjoni Ewropea b’saħħitha u effiċjenti li tawtonomizza u tħares il-paċi, il-libertà u l-prosperità tagħna. Nixtiequ nkunu kburin bl-identità tagħna bħala ċittadini Ewropej li nappartjenu għall-bliet, ir-reġjuni u l-Istati Membri tagħna, magħquda fid-diversità.
  2. Irridu ngħixu f’Unjoni Ewropea sostenibbli li tipproteġi u toħloq opportunitajiet għan-nies tagħha
    Nittamaw għal Unjoni Ewropea li tipproteġi lilna u lill-familji tagħna, lill-istil ta’ ħajja tagħna u ’l-pjaneta tagħna. Irridu Unjoni Ewropea li tiggarantixxi s-sigurtà billi ssaħħaħ il-fruntieri esterni tagħha u tiġġieled l-estremiżmu u n-nazzjonaliżmu fi ħdan il-fruntieri tagħha. Għandna bżonn Unjoni Ewropea favur il-familja li toffri opportunitajiet indaqs, tħaddan lil dawk li huma anqas vantaġġati u tippromovi soċjetà għanja u inklużiva; Unjoni Ewropea li tippermetti edukazzjoni tajba, kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba u opportunitajiet ta’ xogħol. Irridu Unjoni Ewropea li tinvesti fin-negozji lokali, u fir-riċerka u l-innovazzjoni li jagħmlu impatt fuq ħajjet in-nies billi jikkuraw mard inkurabbli, u li tagħmel it-trasport tagħna aktar nadif u l-bini tagħna aktar effiċjenti fl-enerġija.
  3. Neħtieġu aktar koeżjoni bejn ir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali tal-Unjoni Ewropea
    Neħtieġu Unjoni Ewropea ta’ solidarjetà li tiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Aħna nappoġġjaw il-koeżjoni bħala valur Ewropew fundamentali peress li din toħloq opportunitajiet għal persuni kemm minn reġjuni aktar sinjuri kif ukoll minn dawk ifqar, issaħħaħ is-suq uniku u ssaħħaħ is-sens ta’ appartenenza fil-proġett Ewropew. Nemmnu li huwa kruċjali li jitnaqqsu d-differenzi bejn it-territorji Ewropej u li tiżdied il-kompetittività tagħhom. Nappellaw għal amministrazzjoni pubblika Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali diġitalizzata, faċli biex tintuża u interkonnessa, bħala prerekwiżit biex jiġu pprovduti servizzi effiċjenti u effettivi kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji.
  4. Irridu Unjoni Ewropea li tieħu deċiżjonijiet eqreb taċ-ċittadini abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà
    Aħna nappoġġjaw Unjoni effiċjenti u demokratika eqreb taċ-ċittadini tagħha. Aħna nemmnu li s-sjieda u l-fiduċja jagħmlu mod li n-nies iħossu l-Ewropa, jaraw l-Ewropa, ikunu l-Ewropa. Jeħtieġ li niftakru li l-politika m’għandha l-ebda fruntiera. Dan joħroġ fid-dieher permezz tal-fiduċja tal-persuni li jivvutaw għal Parlament Ewropew wieħed, 41 kamra tal-parlamenti nazzjonali, 74 assemblea leġislattiva reġjonali, 280 reġjun u 80 000 awtorità lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw 70 % tal-leġislazzjoni kollha tal-UE. Huma jirrappreżentaw nofs l-impjieg pubbliku, terz tal-infiq pubbliku u żewġ terzi tal-investiment pubbliku. Il-mexxejja reġjonali u lokali jiddependu mill-ogħla livell ta’ fiduċja tan-nies sabiex ikunu jistgħu jsolvu problemi lokali b’soluzzjonijiet Ewropej f’oqsma bħat-trasport, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, u d-diġitalizzazzjoni, iżda wkoll il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għalhekk, l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu aktar deċentralizzazzjoni u reġjuni aktar b’saħħithom bil-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa biex jagħtu riżultati kemm jista’ jkun qrib il-poplu. Il-politiċi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jaħdmu flimkien għal Ewropa ta’ prossimità sabiex jirriflettu r-realtajiet tat-territorji Ewropej. . Flimkien irridu nsaħħu l-leġittimità demokratika tal-Unjoni pari passu mas-seklu 21.
  5. Il-familja tal-PPE tipproponi triq ’il quddiem konkreta fl-interess taċ-ċittadini kollha tal-UE
    Aħna, il-familja tal-PPE li tħaddan mexxejja nazzjonali, reġjonali, lokali u Ewropej, għandna r-responsabbiltà li nilħqu liċ-ċittadini kollha, li nisimgħu l-vuċijiet tagħhom, li nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u li nsaħħu l-pedamenti tal-Unjoni Ewropea. Ir-riformi ewlenin kienu suċċess u bla dubju tejbu ħajjet in-nies. Bħala l-familja tal-PPE, m’aħniex se nillimitaw il-proġett Ewropew għall-istituzzjonijiet ibbażati fi Brussell. Jeħtieġ li nikkomunikaw b’kuraġġ u determinazzjoni kemm dak li ksibna b’mod konkret kif ukoll dak li ser niksbu fil-futur, jekk irridu nevitaw li l-UE taqa’ f’idejn l-Ewroxettiċi u l-populisti. Flimkien, irridu nagħmlu l-Ewropa tagħna lok aktar dinamiku, miftuħ u attraenti għall-poplu tagħha. Aħna nimpenjaw ruħna li naħdmu flimkien mal-Ispitzenkandidat tal-PPE, Manfred Weber, li naħdmu bħala familja politika waħda, b’saħħitha, magħquda u responsabbli fl-interess tal-poplu tagħna.